Latest Press Releases


Il-Ministru George Pullicino Jattendi l-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd fil-Lussemburgu | 28-04-2012

Il-Ministru George Pullicino lbieraħ attenda għall-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd fil-Lussemburgu. Il-Kunsill iddiskuta bħala t-tema principali r-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).

minlux

Dwar l-Iskema għall-Bdiewa Żgħar, il-Ministru Pulliċino saħaq li din hija waħda mill-iskemi l-aktar importanti għall-pajjiżna. Din tista’ ġġib simplifikazzjoni sostanzjali għall-kategorija ta’ bdiewa żgħar li jirċievu biss għajnuniet żgħar, iżda li jikkontribwixxu b’mod imprezzabbli għaż-żamma tal-art agrikola u tal-pajsaġġ rurali. Malta tisħaq li din għandha tkun applikata b’mod flessibbli sabiex tiġi aġġustata skont il-ħtiġijiet f’kull pajjiż.

Fil-każ tal-iskema l-oħra tal-Bdiewa Żgħażagħ, il-punt tat-tluq għandu jkun li l-mestier agrikolu nnifsu jrid ikun għażla attraenti biżżejjed li tiġġustifika x-xogħol iebes li tinvolvi. Il-Ministru Pulliċino saħaq ukoll li ċertu setturi sensittivi f’pajjiżna bħal dawk tal-ħalib u t-tadam għall-ipproċessar se jkomplu jeħtiegu għajnuna marbuta mal-produzzjoni tagħhom anke fil-futur.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Politika Komuni tas-Sajd, fejn ġew diskussi l-aspetti soċjoekonomiċi tar-riforma. Malta wriet l-apprezzament tagħha lill-Kummissjoni li qed tirrikonoxxi l-importanza tal-operaturi fuq skala żgħira u artiġjanali. Minbarra li l-attività tas-sajjied artiġjanali hija intrinsikament sostenibbli, għandha effetti soċjoekonomiċi u kulturali, u għalhekk għandha tkun protetta u mgħejjuna.