Latest Press Releases


L-Azzjoni mill-Pitkala tal-Frott u Ħaxix | 03-05-2012

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-azzjoni meħuda dalgħodu mill-pitkala tal-ħaxix u l-frott.

haxix

Il-Ministeru jiddeplora dan l-aġir mill-pitkala kontra l-bdiewa, l-bejjiegħa tal-ħaxix u l-konsumaturi. Il-Ministeru jfakkar kif bħalissa għaddejjin taħdidiet twal u intensivi mal-istakeholders kollha tal-Pitkalija, inkluż il-pitkala, fil-qafas tar-riforma li qed tkun implimentata u li din l-azzjoni tmur kontra l-ispirtu ta’ djalogu li dejjem imxejna bih. Infatti kien hemm laqgħa sal-bieraħ stess.

Fil-fatt id-deċiżjoni tal-azzjoni ttieħdet mill-pitkala tard il-bieraħ filgħaxija b’mod li l-bidwi jkun qata’ l-uċuħ tiegħu u b’hekk jagħmilha diffiċli li l-bdiewa jilħqu jorganizzaw ruħhom biex isibu jbigħu l-biegħa tagħhom.

Il-pitkala qed jibbażaw l-azzjoni tagħom fuq żewġ punti. Huma qed jitolbu żieda fil-kummissjoni fuq il-bejgħ, pero’ l-pożizzjoni tal-Gvern hija li kwalunkwe żieda trid tidħol fis-seħħ wara li jitlestew il-verifiki neċessarji mill-Ministeru. Il-pitkala mhumiex jaqblu mad-deċiżjoni tal-Gvern li l-bdiewa jkunu shareholders fil-bord tat-tmexxija tal-kumpanija li se tkun qed tmexxi l-Pitkalija wara li titlesta r-riforma. Bħala stakeholder ewlieni fil-Pitkalija, l-Gvern hu impenjat li jara li l-bidwi jkun rappreżentat bl-aħjar mod biex iħares l-interessi tiegħu.

Irid jingħad li s-sitwazzjoni dalgħodu fil-Pitkalija hija waħda ta’ koperazzjoni kbira u kollaborazzjoni bejn il-bdiewa, l-bejjiegħa u uffiċjali tal-Gvern li qed jassistuhom. Il-bdiewa qed jirnexxielhom ibiegħu l-prodotti tagħhom lill-bejjiegħa.

Il-Ministeru jappella lill-pitkala biex mill-aktar fis iwaqqfu din l-azzjoni kontra l-bdiewa, l-bejjiegħa u l-konsumaturi u jirritornaw għad-djalogu. Il-Gvern huwa dispost li mill-aktar fis ikompli bid-diskussjonijiet pero’ se jirriżerva d-dritt li jieħu kull azzjoni leġittima biex jiggarantixxi li l-prodott tal-bidwi jkun jista’ jinbiegħ u b’hekk il-bejjiegħa u l-konsumaturi jibqgħu jsibu provvista ta’ frott u ħaxix frisk.

Intant, kull min ikollu xi diffikulta’ jista’ jċempel fuq in-numru 2292 6104 fil-ħinijiet tal-uffiċċju.