L-aġenzija għall-pagamenti ta’ Malta mudell għall-pajjiżi Ewropej oħra.
Bejn illum u għada l-Aġenzija għall-Pagamenti tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, li hija responsabbli għall-immaniġġjar finanzjarju tal-Politika Agrikola Komuni, qed tospita żjara mill-Kap Eżekuttiv is-Sur Mark Grimshaw u d-Direttur is-Sur Jo Broomfield mill-Aġenzija għall-Pagamenti Rurali tar-Renju Unit.

Wara s-suċċess li kisbet bl-organizzazzjoni tal-40 Konferenza tal-Panta Rhei, li saret f’Ottubru 2011, ġewwa Malta, l-Aġenzija għall-Pagamenti Maltija rċeviet numru ta’ talbiet minn pajjiżi Stati Membri oħra, sabiex ikunu jistgħu jingħataw tagħrif dwar is-sistema awtomatika li tħaddem l-Aġenzija għall-Pagamenti Maltija sabiex jiġu pproċessati t-talbiet u l-pagamenti tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin u entitajiet agrikoli Maltin oħra. L-Aġenzija għall-Pagamenti tar-Renju Unit ser tkun l-ewwel pajjiż li ser iżur lill-Aġenzija għall-Pagamenti Maltija għal dan il-għan.
Fl-2007, l-Aġenzija għall-Pagamenti Maltija implimentat is-sistema tal-IACS (Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll) fejn is-sistema kollha tat-talbiet għas-sussidju ġew awtomatizzati u b’hekk ikun jista’ jsir l-aħjar użu tar-riżorsi. Permezz ta’ din is-sistema, l-Aġenzija għall-Pagamenti hija kommessa li tkompli tagħti l-aqwa servizz possibli u li tkun ta’ assistenza lill-bdiewa Maltin billi tqassam il-fondi taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) bi trasparenza u kontabilità.
Is-sistema ġdida tal-IT mmexxija mill-Aġenzija għall-Pagamenti għamlet l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet aktar faċli. Dan wassal għal tnaqqis fil-kjus meta l-benefiċjarji jagħmlu t-talba għas-sussidju, kif ukoll tat aċċess on-line lill-benefiċjarji fejn dawn ikunu jistgħu jaraw id-dettalji dwar l-għelieqi u l-pagamenti tagħhom. Permezz ta’ din is-sistema l-pagamenti dovuti lill-benefiċjarji jiġu pproċessati fil-ħin u l-benefiċjarji qegħdin jirċievu s-sussidji dovuti lilhom matul l-ewwel xhur ta’ kull sena ġdida.
Il-viżjoni għall-futur tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali sabiex ikompli jissaħħaħ is-settur agrikolu, hija li jiġu integrati diversi inizjattivi permezz ta’ sistema waħda li tinkorpora l-ħtiġijiet tal-Aġenzija għall-Pagamenti, id-Direttiva tan-Nitrati, it-twaqqif ta’ reġistru għall-art agrikola, ir-riforma fil-Pitkalija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.
Permezz ta’ din is-sistema stabbilita, l-Aġenzija għall-Pagamenti ta’ Malta rnexxielha tpoġġi lil Malta bħala mudell għall-pajjiżi Ewropej oħra. Il-mira tal-Aġenzija għall-Pagamenti hija li tkompli taħdem sabiex toffri servizz tal-aqwa kwalità fil-ħlas ta’ pagamenti agrikoli għall-ġid tas-settur agrikolu Malti.
L-Aġenzija għall-Pagamenti li ilha topera biss għal dawn l-aħħar 8 snin, mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed tamministra fondi biex jiffinanzjaw l-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni li jammontaw għal €5 miljuni fis-sena f’sussidju dirett fuq 5,000 benefiċjajru u fondi relatati mal-Programm tal-Iżvillupp Rurali. Għas-snin 2007 – 2013. Għal dan il-programm Malta assigurat ’il fuq minn €100 miljun. Minn dawn il-fondi, sa llum bbenefikaw aktar minn 8,000 benifiċjarju.
Il-ħidma li qed issir b’risq il-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżna qed twassal biex is-settur agrikolu jkun aktar sostenibbli, filwaqt li l-konsumatur igawdi minn prodott frisk lokali u ta’ kwalità għolja.