Għada se tibda żjara f’pajjiżna tal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki.

Waqt din iż-żjara il-Kummissarju Damanaki se jkollha laqgħat mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, mal-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, Austin Gatt, mal-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, George Pullicino, mal-Ministru għall-Kultura u l-Ambjent, Mario De Marco, mal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u Barranin, u ma' numru ta’ msieħba non-governattivi fis-settur.
Maria Damanaki hija Griega u kisbet il-kwalifika ta' inġinier mill-Università ta’ Ateni fis-sena 1975. Kienet ilha attiva fil-kamp politiku sa mis-sena 1970 fejn kienet waħda mill-mexxejja tal-istudenti fil-ġlieda kontra s-sistema dittatorjali fil-Greċja. Fl-1977 saret l-iżgħar membru parlamentari fl-istorja tal-Greċja fejn serviet mill-1977 sal-1993 u mill-2000 sal-2003.