Il-Ministru għar-Riżorsi u għal-Affarijiet Rurali, George Pullicino nhar il-Ġimgħa fetaħ uffiċjalment il-Final Year Engineering Projects Exhibition filwaqt li l-għada s-Sibt żar l-istess wirja ġewwa l-Universita’ ta’ Malta.

Il-Ministru feraħ lill-istudenti għall-proġetti tagħhom u qal li dak li tagħlmu, issa ser jkunu qed jippratikawħ f’xogħlhom fi ftit jiem oħra. Hu qal li permezz ta’ tkabbir ta’ 2.7% fis-settur tax-xogħol, Malta llum irreġistrat it-tielet l-akbar tkabbir fost is-27 membru tal-Unjoni Ewropeja. Il-Kummisjoni Ewropeja rrapurtat li 93% tal-istudenti Maltin li jiggradwaw isibu xogħol fl-ewwel 3 snin, figura bil-wisq ħafna għola mill-medja Ewropeja ta’ 76.5%.
Il-Ministru Pullicino saħaq li “l-ħolqien tax-xogħol jeħtieg l-innovazzjoni biex nattiraw industriji ġodda kif ukoll inċentivi lill-industrija lokali biex tespandi l-operazzjoni tagħha u tikkompeti ma’ industriji oħra li joperaw barra minn pajjizna.” Hu enfasizza wkoll li l-Gvern qed jgħin wkoll fit-tkattir ta’ green jobs billi nvesta fondi Ewropej f’impjanti teknoloġiċi għat-trattament tal-iskart likwidu u dak solidu bħall-impjant ta’ Sant Antnin, f’liema mpjanti jaħdmu bosta inġiniera.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Pullicino rrefera wkoll għall-fatt li fl-aħħar snin l-ammont ta’ studenti li daħlu jistudjaw fil-kors tal-inġinerija żdied minn 8% għal 12% tant li bħalissa fil-Fakulta hemm 400 student, u l-ammont ta’ studenti li komplew jistudjaw post-graduate żdied b’mod sostanzjali tant li fis-sena akkademika 2008/09 kien hemm 3 studenti jagħmlu M.Sc. u din is-sena kien hemm 18 il-student. Dan grazzi għar-riforma tal-istipendji fl-2005 li nċentivat lill-istudenti jidħlu fil-kors tal-Inġinerija kif ukoll grazzi għal ħafna boroż ta’ studju bl-iskema STEPS u MGSS li l-Gvern qed jipprovdi lill-istudenti. Hu għamel referenza wkoll għall-fatt li fl-aħħar snin l-ammont ta’ gradwati mill-Fakulta` kien tela minn 8% ghal 12%.
Il-Ministru irringrazzja lid-Dekan u lil-korp akkademiku ta’ dak li kienu qed jagħmlu kif ukoll lill-ġenituri li kienu dejjem ta’ sostenn għal uliedhom. Finalment il-Ministru Pullicino feraħ lill-istudenti u fakkarhom biex jagħtu ukoll kontribut fis-soċjeta biex bħala persuni kwalifikati ma jiddejqux jitkellmu ħalli jimbuttaw bidliet teknoloġiċi li pajjiżna jeħtieġ li jagħmel, liema bidliet xi kultant jispiċċaw jintużaw bħala arma ta’ biża minn ċerti kelliema politiċi. Hu għalaq billi appella lill-Inġiniera jkunu aġenti attivi tal-bidla fis-soċjeta Maltija.