Illum il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, nieda proċess ta’ Konsultazzjoni pubblika dwar Prinċipji ta’ Standard għall-Prodotti Agrikoli ta’ Kwalità mkabbra f’Malta.

Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi spjega li s-sena l-oħra l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) irċeviet rikjesta mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali sabiex jitwaqqaf kumitat tekniku biex jipprepara Standard Malti bil-għan li jkun jista’ jtejjeb u jippromwovi l-kwalità ta’ prodotti agrikoli mkabbra f’Malta. Wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, ġie mwaqqaf kumitat tekniku kompost minn entitajiet varji li indikaw li għandhom interess. Minn Ottubru li għadda, il-kumitat tekniku ltaqa’ numru ta’ drabi sabiex jiddiskuti u jiftiehem fuq il-kontenut tal-abbozz ta' standard.
Dawk kollha li se jkunu eleġibbli li jgawdu minn din l-iskema, jinkludu bdiewa li jkabbru frott u ħxejjex, kif ukoll raħħala u min jipproċessa l-ikel li ġej minn prodotti mkabbra f’Malta. Il-Ministru Azzopardi qal li tali standard huwa maħsub apposta għall-promozzjoni ta’ Marka ta’ Kwalità “Naturalment Malti”, li se ġġor magħha ċertifikazzjoni li l-prodott ġie mkabbar, ikkultivat jew proċessat kompletament fil-gżejjer Maltin. L-istandard huwa bbażat fuq l-aħjar prattiċi fosthom ir-responsabbiltà lejn is-settur agrikolu Malti, l-oriġini tal-prodotti u l-kwalità u s-sigurtà sabiex jiġi żgurat li l-prodotti jkunu ta’ livell ta’ kwalità għolja u siguri għall-konsumatur.
Dan l-istandard għandu l-għan li jwassal biex il-prodotti mkabbra, ikkultivati u/jew ipproċessati kompletament fil-gżejjer Maltin iġorru fuqhom il-marka ta’ Kwalità Naturalment Malti.
Ir-rekwiżiti jassiguraw li l-prodotti ġew imkabbra, kultivati jew ipproċessati skont il-liġijiet tal-iġjene fejn jidħlu prodotti tal-ikel. Jassiguraw ukoll li dan kollu jsir b’mod sostenibbli b’rispett lejn l-ambjent u li titħares ukoll l-Animal Welfare. Ir-rekwiżiti jeżiġu wkoll li għandhom ukoll jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-prodotti jitwasslu għand il-konsumatur fl-aħjar kundizzjoni u tiġi kontrollata t-temperatura waqt il-ħażna u t-trasport tal-prodotti.
Il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino qal li min japplika għal din il-Marka ta’ Kwalità jrid isegwi dan l-istandard kif ukoll Speċifikazzjonijiet Tenkiċi li jvarjaw skont il-prodott. Għaqdiet ta’ Produtturi u organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jistgħu japplikaw għal din il-marka ta’ kwalità fuq prodotti bħal ħalib frisk, tadam ipproċessat, frott u ħaxix frisk, laħam tal-majjal u tat-tiġieġ eċċ.
Fil-futur hemm ukoll il-possibilità sabiex prodotti tradizzjonali li l-materja prima tagħhom tista’ ma tkunx prodott agrikolu lokali wkoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-marka, bħal ma hi l-ħobża Maltija. Trid issir konsultazzjoni mal-għaqdiet konċernati u mal-Kumitat Tekniku sabiex jinħolqu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal kull prodott.
Il-Marka ta’ Kwalità hija bbażata fuq dawn il-prinċipji:
· Responsabbiltà – lejn is-settur agrikolu u lejn il-konsumatur li ser ikollu l-għażla u l-garanzija li l-prodott huwa bnin u ġenwin;
· Oriġini – li l-prodotti kemm fil-forma primarja jew f’dik proċessata ġew imkabbra, kkultivati u proċessati kompletament f’Malta;
· Kwalità u Sigurtà – Prodotti ta’ livell għoli ta’ kwalità b’assikurazzjoni għall-konsumatur.
L-istandard jinsab miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u l-kummenti ser jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa 17 t’Awwissu 2012 u l-kummenti għandhom jaslu fuq l-indirizz eletroniku naturalmentmalti.mrra@gov.mt. L-applikazzjonijiet biex produtturi jirreġistraw biex jieħdu l-marka Naturalment Malti jinsabu wkoll fuq is-sit www.mrra.gov.mt.
Il-Ministru Pullicino temm jgħid li permezz ta’ din il-marka ta’ kwalità, il-konsumatur ser ikun jista’ jidentifika prodott lokali ta’ kwalità. Din it-tikketta ser tagħti wkoll identità lill-prodott lokali anke mat-turisti li jżuruna. Minbarra li t-tikketta ser tagħti valur miżjud lill-produttur, din ser toħloq aktar sinerġija bejn il-produtturi. Dan l-istandard li jwassal għall-marka ta’ kwalità Naturalment Malti huwa l-ewwel pass sabiex din it-tikketta tiġi rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea u tiġi nkluża fil-Pjan għall-Iżvilupp Rurali li jmiss. Lokalment din tkun fuq l-istess livell tal-marki ta’ kwalità PDO, PGI u TSG.
Il-Ministru Azzoppardi rringrazzja lil Kumitat Tekniku b’rappreżentanti minn dawn l-organizzazzjonijiet: Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, Università ta’ Malta, MHRA u Nature Trust li ħadmu fuq dan l-istandard huwa temm jgħid ukoll li dan il-proċess qed isir għax il-Gvern jimpurtah mill-bdiewa u r-raħħala u jimpurtah mill-konsumaturi.