Latest Press Releases


’Il Fuq Minn 60 Tunnelata Ta’ Alka U Skart Miġbura Mill-Bajja Tal-Imġiebaħ F’selmun | 07-08-2012

SelmunMinn kmieni dalgħodu bdiet operazzjoni conġunta ta’ tindif mid-Direttorrat tal-Indafa Pubblika fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u l-Forzi Armati ta’ Malta, fil-Bajja tal-Imġiebaħ f’Selmun.

Peress li l-aċċess għal din il-bajja mill-art hu wieħed limitat, kien ikun ta’ dannu fuq l-ekosistemi li hemm fil-pajsaġġ rurali li kieku tniżżlu inġenji fil-bajja. Għaldaqstant, sar arranġament mal-Forzi Armati ta’ Malta biex din l-attivita` ta’ tindif tkun tista’ ssir b’mod manwali mis-suldati minn fuq l-art kif ukoll mill-baħar.

Il-Forzi Armati ta’ Malta pprovdew mas-60 suldati u fizzjali mit-Tielet Reġiment bis-sapport minn fuq il-baħar permezz ta’mezzi mill-Iskwadra Maritimma, fosthom barge, dinghy u l-Patrol Boat P32. Din mhix l-ewwel darba li s-suldati tat-Tielet Reġiment offrew l-għajnuna tagġhom f'attivitajiet simili sabiex ikunu ta' servizz għas-socjeta` ingenerali. Is-suldati tal-Forzi Armati, flimkien mal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika u bl-użu ta’ numru ta’ makkinarju tal-istess dipartiment, ġabru ’l fuq minn 60 tunnelata ta’ skart minn din il-bajja. Ix-xogħol beda mas-sebħ u spiċċa għall-ħabta tal-għaxra u nofs, b’hekk fi ftit siegħat biss intlaħaq l-iskop filwaqt l-pubbliku seta’ jgawdi l-bajja matul il-ġurnata.

Din is-sena mill-bajjiet madwar pajjiżna inġabru ’l fuq minn 7,000 tunnellata ta’ alka. Il-bajjiet f’pajjiżna qegħdin jinżammu nodfa għat-tgawdija tal-pubbliku. Fl-aħħar snin fil-bajjiet u l-kosta madwar Malta saret sistema ġdida ta’ tindif, tpoġġew 1,100 kontenitur tal-iskart, 200 kontenitur biex fihom jitpoġġa l-faħam, u ’l fuq minn 240 sellum ġdid biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-baħar.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta jirringrazzjaw lil kull min ħadem waqt din l-attivita` ta’ dalgħodu.