B’reazjoni għal dak li ntqal illum mil-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd il-Gvern jixtieq jikjarifika dawn il-punti.
Hard Standing Facility;
Kif jafu is-sajjieda it-tmexxija tal-Hard Standing Facility, dejjem tat prijorita’ lis-sajjieda tant li fil-bidu tal-operat ta’ din il-faċilita ma kienux jittellgħu bastimenti oħrajn. Pero’ kien biss wara korrispondenza mill-Unjoni Ewropea fejn ġejna infurmati li ma stajniex niddiskriminaw ma min mhux sajjied. Kulħadd jaf ukoll li jista’ jkun hemm drabi fejn bastimenti kbar idumu jokkupaw il-post għal numru ta’ ġimgħat u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jittelgħu dgħajjes oħra. Il-Ministeru konxju ta’ numru ta’ punti minn naħa tas-sajjieda kif dejjem għamel lest li jkompli jiddiskuti tant li d-Direttur responsabbli mill-faċilita’ dalgħodu stess ftiehem mal-koperattiva tas-sajd u ingħata appuntament għal nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.00am.
Skema tal-assigurazzjoni;
Il-Gvern għamel ħiltu kollha sabiex isib kumpaniji tal-assigurazzjoni lesti li joffru assigurazzjoni bħal din; għal liema assigurazzjoni l-Gvern hu u għadu dispost li jħallas hu. Sal-lum iżda, jidher li l-ebda kumpanija tal-assigurazzjoni mhi lesta li tidħol f’arranġament bħal dan minħabba li l-polza tal-assigurazzjoni hija ‘high risk’.
Pre-accession;
Bħal ma hu infurmat il-President tal-Koperattiva din il-ġimgħa stess, il-Ministeru ikkomunika miegħu ħalli ssir laqgħa fejn fiha jiġu diskussi l-aħħar preparamenti għall-ħlas tal-pre- accession aid.
Producer organisation;
Il-Gvern filwaqt li jinkoraġixxi lis-sajjieda jiffurmaw dawn l-għaqdiet tal-produtturi ma jistax iwaqqaf dawn l-organizazzjoniet hu. Bħal ma ġara f’setturi oħra inkluż fil-biedja dawn l-organizazjonijiet jinħolqu mill-produtturi infushom.
Korsijiet basiċi;
Kif jafu is-sajjieda, saru spezzjonijiet fuq il-bastimenti tul dawn l-aħħar sitt xhur, tqassam fuljett dwar is-saħħa u s-sigurta mal-għoti tal-liċenzja u waqt it-tlugħ tal-poloz tal-lampuki filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd kien u għadu dejjem disponibbli sabiex jagħti pariri lil kull min jitolbu.
Suq ħieles;
Dwar dan il-punt il-gvern ifakkar illi taħt id-Direttiva tas-Servizzi tal-Unjoni Ewropea li daħlet fis-seħħ fl-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena, l-arranġament li eżista sal-lum għal pitkala jrid jiġi indirizzat.
Break water;
Kif kulħadd jaf fil-budget tal-2010 il-gvern alloka somma sabiex jibdew l-istudji neċċessarji għall-breakwater ta’ Marsaxlokk. Ta’ min ifakkar li l-Gvern sejjaħ laqgħa maż-żewġ koperattivi tas-sajjieda li se ssir fit-18 ta’ Frar fil-Ministeru ħalli jipreżenta l-ewwel proposti.
Dredging;
Il-Ministeru jfakkar li ħarġet is-sejħa għall-offerti, daħħlu l-offerti iżda għad ma hemx qbil bejn iż-żewġ koperattivi fuq jekk għandux isir dan l-intervent jew le. L-affarijiet qed jiġu annalizzati sabiex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.
Pixkerija;
Dwar l-investiment meħtieġ għall-bini ta’ pixkerija ġdida, filwaqt li l-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd qed tisprimi ruħa kontra, fuq dan ukoll ma hemx qbil bejn iż-żewġ koperattivi. Biss ta’ min jgħid li l-gvern għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex tiġi rilokata l-pixkerija bħala parti mill-pjanijiet tar-riġenerazzjoni tal-port il-kbir. Dan il-proġett li se jkun ta’ benefiċċju kemm għas-sajjieda kif ukoll għall-konsumaturi se jkollu investiment ta’ €2 miljun u mhux kif skorretament allegat il-koperattiva li dan il-proġett se jiswa €4 miljun. Il-Ministeru ma jistax jifhem għaliex din il-koperattiva qed tiprova timponi l-pożizzjoni tagħha fuq il-koperattiva l-oħra tas-sajjieda.
Ħlasijiet;
Kif diġa ntqal u deher fil-ġurnali lokali minkejja li pajjiżna ma kellux obbligu li jagħti kumpens lis-sajieda wara l-għeluq tal-pixxispad, il-Gvern għażel xorta waħda li jagħti kumpens lis-sajjieda. Qed jiġu proċessati l-pagamenti sabiex dawn jitħalsu fil-ġimgħat li ġejjin.
Konklużjoni;
Il-Ministeru jirribatti bil-qawwa kollha l-allegazzjoni li mhux lest li jiltaqa’ mas-sajjieda għax kif imsemmi diġa hemm numru ta’ laqgħat stabbilliti filwaqt li l-Gvern dejjem kien u għadu lest li jisma’ u jiddiskuti sabiex kif għamilna fis-snin li għaddew inkomplu nsaħħu dan is-settur flimkien għal-futur. Il-Gvern għadu u jibqa’ miftuħ sabiex tinstab soluzzjoni. Il-Ministeru jinnota wkoll użanza fl-atteġġjamenti ftit qabel ma l-uffiċċjali jaffaċċjaw elezzjoni. Filwaqt li l-Gvern jifhem li dawn jistgħu jkunu tattiċi temporanji, hu jibqa dispost li jiddiskuti kif jiġi mtejjeb l-operat. Finalment il-Ministeru jinnota li hi ironija li waqt il-konferenza stampa jingħad li l-Gvern ma żamx kelmtu eżattamet fil-post fejn sar l-akbar proġett li l-Gvern wettaq fl-interess tas-sajjieda.












