Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru George Pullicino flimkien mad-diriġenti tal-Wasteserv ingħataw dettalji dwar l-aħħar fażi tal-proġett tar-riabilitazzjoni tal-Magħtab sabiex il-miżbla l-magħluqa tinbidel f’park.
Ic-chairman tal-Wasteserv Ben Farrugia qal li sa April tal-2004, din il-miżbla irċeviet numru ta’ tipi ta’ skart differenti inkluż skart tad-djar, skart mill-industrija u ammont żghir ta’ skart tal-kostruzzjoni. Id-daqs u l-kontaminazzjoni ta’ din il-miżbla kien tali li ma kienx hemm possibilità li l-materjal ta’ ġo fiha seta’ jintuza; għalhekk kella tiġi disinjata sistema partikulari biex jiġu kontrollati l-emissjonijiet.
Wara l-egħluq ta’ din il-miżbla, fl-2004 inbeda programm ta’ kontroll tal-emissjonijiet u t-trattament ta’ gassijiet wara li kien hemm fażi ta’ studju u disinn. Is-sistema għall-kontroll ta’ gassijiet ġiet installata f’numru ta’ fazijiet bejn l-2007 u l-2008. Is-sistema kienet tinvolvi l-installazzjoni ta’ bjar tal-azzar u numru ta’ kilometri ta’ pajpijiet, sabiex jinġibed ’l barra il-gass u nstallazzjoni ta’ impjant RTO (Regenerative Therminal Oxidiser) għat-trattament tal-istess gass. Huwa stmat li dan l-impjant ġabar sa issa madwar 100 milljun metro kubu ta’ gas ħażin f’perijodu ta’ sentejn, liema gas ġie trattat.
Il-Ministru Pullicino sostna li qed isir pass ieħor fi twettieq ta’ wegħda elettorali oħra li għandha tara l-Magħtab tinbidel f’post ta’ rikreazzjoni għal familji. Hu żied jgħid li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ sabiex jissewwew żbalji tal-passat. Ir-riabilitazzjoni tal-Magħtab, hija xempju tal-investiment li pajjiżna kellu jagħmel biex isewwi n-nuqqasijiet tal-passat fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Dan juri l-importanza li pajjiżna jkompli jinvesti issa f’teknoloġiji ġodda biex ma jerġgħux jirrepetu ruhom l-iżbalji tal-passat. Illum l-iskart sar riżorsa mportanti li minnu tiġi ġġenerata l-enerġija.
Permess ta’ aktar fondi mill-baġit il-ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea (li jkopru mill-2007 sa l-2013), €30 miljun qed jigu nvestiti sabiex il-miżbliet il-magħluqa jinbidlu f’żoni ta’ rikreazzjoni fejn il-pubbliku jkun jista’ jgawdi spazji fil-miftuħ. B’dawn il-fondi il-miżbliet magħluqa li ħa jiġu rriabilitati huma dawk ta Sant’Antnin f’Marsaskala, l-Qortin f’Għawdex u tal-Magħtab.
Id-disinn ta’ kif se tkun qed tigi riabilitata l-maghtab intghazel wara li kienet saret kompetizzjoni internazzjonali għar-riabilitazzjoni tas-sit fil-Magħtab. Gie magħżul il-kunċett u d-disinn tal-konsorzju Ġermaniż, ‘Melitopia’.
Din l-aħħar fażi tal-proġett tar-riabilitazzjoni tal-Magħtab, se tara il-wiċċ tal-Magħtab jinkesa b’materjal biex jiġi assigurat li jitwaqqaf il-ħruġ ta’ kwalunkwa emissjonijiet tal-gassijiet u l-infiltrazzjoni tax-xita; bil-wiċċ ta’ dan il-materijal se jkun ħamrija sabiex il-Magħtab iwarrad u tingħata lura fi spazju miftuħ għar-rikreazzjoni ta’ kulħadd f’post miftuħ u f’arja aktar nadifa.
Intant is-Sibt li ġej, 24 ta’ April sejra titella’ ‘Open day’ fil-Magħtab bejn l-10am u t-3pm fejn kulħadd huwa mistieden iżur il-progress li qed isir fil-Magħtab.












