Il-Ministru George Pullicino ħabbar u ppresiedja fl-ewwel laqgħa tal-kumitat tekniku li għandu jfassal strateġija nazzjonali ghal sistema ta’ transport elettriku għal Malta u Għawdex.
Pajjiżna, tul dawn l-aħħar snin, mill-qasam tat-trasport, ra żieda sostanzjali fl-emissjonijiet mill-karozzi. L-emissjonijiet mill-1990 żdiedu b’aktar minn 50% sal-2006. Fl-2006, 16% tal-emissjonijiet kollha kienu kkawzati mill-karozzi.
Għalhekk, aktar ma jiżdiedu vetturi fit-triq li jwasslu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-toroq tagħna, kulħadd igawdu minn arja aktar nadifa u livell ta’ saħħa aħjar.
Dan il-kumitat se jkun immexxi mill-Ing Peter Mifsud mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, bis-segretarju tal-kumitat ikun is-Sur Benjamin Pule’ mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. Il-kumplament tal-kumitat se jkun kompost minn David Sutton mit-Transport Malta, Herald Bonnici mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, Joe Cilia mill-Istitut għall-Enerġija Sostemnibbli fl-Universita’ ta’ Malta u Anthony Borg mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.
Dan il-kumitat fil-ħidma tiegħu se jkun qed jinvolvi ukoll l-istakeholders kollha f’proċess ta’ konsultazzjoni sabiex f’Ottubru ta’ din is-sena jitlesta l-abbozz ta’ din l-istrateġija.












