 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Eluf kbar ta' familji jqattgħu l-ħin liberu tagħhom fil-BOV Adventure Park
|
|
Date:
29/12/2009
Fi ftit aktar minn ġimgħa kemm ilu miftuħ għall-pubbliku l-BOV Adventure Park f’Ta’ Qali, huwa stmat li mal-50,000 ruħ żaru u pparteċipaw f’din l-avventura l-ġdida li joffri dan il-park. Il-ferħ u l-eċitament li joffri dan il-park jidher partikolarment fuq wiċċ it-tfal li matul dawn il-ġranet tal-vaganzi qed igawdu mill-varjetà ta’ logħob innovattiv u avventuruż li dan il-park qiegħed joffri. Fost l-attrazzjonijiet prinċipali li fih dan il-park insibu funtana interattiva fejn aktar ma jaqbżu fuqha t-tfal aktar jogħla l-ilma! Insibu wkoll logħob għall-adulti fejn dawk li huma ftit aktar avventuruzi għandhom l-opportunità li jilagħbu wkoll fuq rope course! Għalhekk dan hu post għad-divertiment ta’ kulħadd flimkien, fi spazju miftuħ, f’atmosfera sabiħa, bla periklu, rilassanti u li jagħti wkoll lok għal ċertu attività fiżika.
Il-BOV Adventure Park f’Ta’ Qali li sar mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali bil-kollaborazzjoni tal-Gvern Amerikan u l-Bank of Valletta li offrew l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom sabiex f’pajjiżna jkollna l-ewwel park ta’ dan it-tip, sar b’investiment ta’ €1.3 miljun. Dan il-proġett ma hu xejn ħlief investiment fil-futur ta’ wliedna, investiment fil-familji tagħna, u investiment fit-tisbiħ ta’ pajjiżna.
Il-Gvern għandu viżjoni li jkompli jagħti lura lin-nies spazji pubbliċi miftuħa għar-rikreazzjoni tal-familji. Is-sena 2009 tibqa’ mfakkra għal kemm il-Gvern qed jerġa’ jagħti lura lin-nies spazji miftuħa għar-rikreazzjoni ta’ kulħadd. Dan il-park hu mibni fuq żona li sa ftit xhur ilu kienet maħnuqa bil-karozzi, l-istess bħalma kienet Pjazza San Ġorġ fil-belt Valletta li llum il-ġurnata reġgħet ingħatat il-ħajja kif jixraq lill-qalba tal-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Aktar kmieni din is-sena Pjazza Sant’ Anna f’tas-Sliema wkoll reġgħet ingħatat il-ħajja filwaqt li tlestiet ukoll l-estenzjoni tal-park f’Kennedy Grove fejn hemmhekk ukoll eluf ta’ familji qegħdin iqattgħu ħin ta’ rikreazzjoni flimkien.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali għas-sena li ġejja wkoll se jkompli jaħdem fuq din il-viżjoni fejn se jibdew numru ta’ proġetti fosthom: il-ħolqien ta’ Family Park f’Wied il-Għajn fuq żona fejn fis-snin sebgħin kienet isservi bħala miżbla, il-proġett ta’ Park f’Dellimara, u proġetti oħra ta’ tisbiħ, manutenzjoni u ftuħ u aċċessibilità ta’ spazji oħrajn għar-rikreazzjoni ta’ kulħadd.
DOI – 29.12.2009 |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|